Editorjal - Il-Habbar ta' Sant'Antnin

Go to content
Jekk trid taċċedi għal artikli oħra IRREGISTRA HAWN
Editorjal
It-triq ’il quddiem

Mill-ħarġa ta’ Jannar-Frar ta’ din ir-rivista – Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnin – ingħatajt l-inkarigu ta’ Editur tagħha. Hi rivista li tmur lura ħafna snin. Taf il-bidu tagħha fl-1911, fl-1968 kellha tieqaf minħabba problemi finazjarji. Fis-sena 2000 reġgħet bdiet toħroġ. F’dawn is-snin kollha rat idejn differenti. Kull par idejn bl-ideat tiegħu; żgur biex ir-rivista tkun, ħarġa wara oħra, aħjar minn dik ta’ qabilha kemm f’dik li hi preżentazzjoni kif ukoll f’dak li hu kontenut. U din hi l-mira tiegħi, iżda f’ċirkostanzi ferm u ferm differenti.

Proprju ftit ġimgħat ilu kien ippubblikat stħarriġ tal-opinjoni pubblika dwar il-qari tal-gazzetti u r-rivisti stampati u online. Irriżulta – xi ħaġa li fil-professjoni tiegħi esperjenzjat – li llum il-qari tal-gazzetti u r-rivisti stampati naqas ħafna l-ewwel għax dawn m’għadhomx jattiraw il-massa ta’ nies li kienu jattiraw sa ftit snin ilu u t-tieni għax illum, dawk li jħobbu jaqraw, qed jippreferu jagħmlu dan online permezz tal-mobile jew tal-kompjuter tagħhom.
Hi x’inhi s-sitwazzjoni tagħna, hu fatt li l-Ordni tal-Franġiskani Konventwali f’Malta għandu jkollu r-rivista ta’ valur tagħha – stampata u online – u li dejjem ikun hemm lok ta’ titjib. Irridu, iżda, inħarsu lejn Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnin b’lenti ġdida għaż-żminijiet, għaċ-ċirkostanzi tal-lum fid-dawl mhux biss tal-missjoni fdata lil dan l-Ordni imma wkoll ta’ dak li minn żmien għal żmien qed iwasslilna l-Papa Franġisku fid-diskorsi u kitbiet tiegħu u li m’għandix dubju li ħafna minnhom huma ispirati mit-tagħlim ta’ San Franġisk t’Assisi. Fost oħrajn, l-Ittra Enċiklika Laudato si’ u l-Eżortazzjoni Appostolika Laudate Deum, u għax le, l-Ittra Enċiklika Fratelli tutti huma eżempju ħaj u t-triq li kull wieħed għandu jieħu fil-ħidma pastorali tiegħu llum. Dawn id-dokumenti nsibuhom bil-Malti grazzi għall-inizjattiva tad-Dar tal-Pubblikazzjonijiet tal-Franġiskani Konventwali Reliġjon u Ħajja.

Hemm ukoll dak li jgħidulna l-Isqfijiet u s-Superjuri tagħna.

Barra minn dan, ir-rivista Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnin irrid naraha tkompli tkun sensibbli. Trid twieġeb għal dak li jridu l-qarrejja, in-nies, illum. Trid tkompli tkun attwali. Trid tkun aktar kuraġġuża. Trid għalhekk tistaqsi. Trid għalhekk tfittex. Trid għalhekk tifrex biex tilħaq aktar u aktar nies. Bħala Editur ġdid bdejt, imma baqa’ ħafna aktar x’isir. M’għadniex aktar “tas-sagristija”. Irridu nilħqu lil dawk fil-periferiji u din ir-rivista trid tkun wieħed mill-mezzi biex nilħqu lil dawn ħutna.
Sadattant, l-amministrazzjoni ta’ Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnin diġà ħadet l-inizjattiva biex illum ir-rivista tinstab ukoll online fl-indirizz elettroniku www.habbar.cakmalta.org. Hemmhekk issibu riżorsi dwar din ir-rivista, paġna tal-istorja tagħha, links interessanti, il-formula tal-abbonament jekk tixtieq tibda tirċeviha d-dar bil-posta u fuq kollox għażla ta’ artikli li tistgħu taqraw mill-aħħar ħarġa. Danakollu b’aċċess b’xejn. Kulma trid tagħmel hu li tirreġistra fuq l-istess sit u tibda tara u taqra l-kontenut.

Nagħlaq l-editorjal tiegħi l-ewwel b’tislima lill-Edituri ta’ qabli għax-xogħol tagħhom u t-tieni b’ringrazzjament lill-Provinċja tal-Franġiskani Konventwali għall-fiduċja li wriet fija u li rrid insarrafha f’dak li ktibt aktar ’il fuq, lill-kontributuri għall-kitba regolari tagħhom u lill-ħaddiema taċ-Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni, li jippubblika r-rivista, għax-xogħol tagħhom u fuq kollox lilkom il-qarrejja tas-sostenn li tagħtuna. Grazzi wkoll tal-awguri u l-ħsibijiet li bgħattuli.

Michael Caruana
0
reviews
Jekk trid taċċedi għal artikli oħra IRREGISTRA HAWN
ĊAK, Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611 - MALTA
Tel: +356 21 498 343 - info@habbar.cakmalta.org

© ĊAK Ltd. Franġiskani Konventwali, Malta 2024
Back to content